Drone li kienet intenzjonata li tikxef moħba sigrieta tal-Istat Iżlamiku qatlet minn tal-inqas 30 persuna u 40 oħra midruba waqt li kienu qed jistrieħu wara ġurnata xogħol fl-għelieqi.
L-attakk sar l-Erbgħa filgħaxija fl-Afganistan, wara li l-bdiewa waqfu jiġbru l-ġewż tal-arżnu u kienu flimkien miġburin madwar ħuġġieġa.
Il-Ministeru tad-Difiża tal-Afganistan ikkonferma dan l-inċident u qal li ma kienx intenzjonat biex joqtol lil dawn il-bdiewa madankollu ma tax aktar dettalji.
Haidar Khan is-sid ta’ dawn l-għelieqi qal li kien hemm madwar 150 persuni jiġbru l-ġewż tal-arżnu però jidher li għad hemm xi persuni mitlufa apparti dawk maqtula u midruba.
Persuna li salvat qalet li kien hemm madwar 200 persuna jorqdu f’ħames tined f’razzett viċin fejn seħħ l-attakk. Spjegat li kien hemm min irnexxielu jaħrab però ħafna minnhom mietu.
Diversi residenti jinsabu rrabjati għal dan l-inċident u talbu li ssir apoloġija u jingħata kumpens monetarju mill-Gvern Amerikan. Huwa saħqu li dawn l-iżbalji m’għandhomx ikunu ġustifikati u l-Amerikani għandhom jirrealizzaw li l-ebda gwerra mhi rebbieħa la darba qed imutu nies innoċenti.