Jinqatel l-eks-President tal-Jemen

Il-moviment tar-ribelli Houthi fil-Jemen ħabbar li nqatel l-eks-President tal-pajjiż, Ali Abdullah Saleh, fil-kapitali Sanaa, ftit jiem wara li faqqa’ ġlied qawwi fit-toroq tal-belt bejn l-armata ta’ Saleh u r-ribelli Houthi.
Ir-ribelli qalu fi stqarrija li “l-milizzji ta’ tradiment spiċċaw u l-mexxej tagħhom inqatel”.
Membri tal-partit ta’ Saleh, il-Partit tal-Kungress Ġenerali tal-Poplu, ukoll ikkonfermaw li l-mexxej tal-partit inqatel.  
Ftit wara li tħabbar il-qtil tal-eks-President, ritratti u filmati bdew jinxterdu fuq il-mezzi soċjali ta’ persuna li tixbah lil Saleh b’ferita miftuħa f’rasha.  
Sal-ġimgħa l-oħra, Saleh kien għadu qed jiġġieled gwerra kontra l-President attwali tal-Jemen, Abdrabbuh Mansour Hadi, flimkien mal-Houthi.
Madankollu, jumejn biss ilu, Saleh ħabbar li kien se jinfired mill-Houthi biex “jaqleb folja ġdida” u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-pajjiż mal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, li nediet intervent militari fil-Jemen fl-2015.
Il-koalizzjoni laqgħet din it-talba, u offriet l-għajnuna tagħha lil Saleh u l-armata tiegħu fil-ġlied li faqqa’ fil-pajjiż wara li ttieħdet id-deċiżjoni.
Id-deċiżjoni qanqlet taqlib politiku qawwi u vjolenti fil-belt ta’ Sanaa, fejn kien jgħix Saleh, tant li kelliema għall-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar qalet li madwar 125 persuna mietu u 238 oħra ndarbu f’dawn l-aħħar ħamest ijiem.  
Il-qtil tal-eks-President tal-Jemen qered kull tama li l-pajjiż jilħaq ftehim ta’ paċi u tintemm il-gwerra.