Jinqatel raġel fi sparatura fil-Fgura

Jonathan Pace ta’ 31 sena mill-Gudja inqatel b'tiri ta’ arma tan-nar waqt sparatura li seħħet fi Triq Mahatma Gandhi fil-Fgura.
L-isparatura seħħet għall-ħabta tad-9.15 ta’ filgħaxija u Pace miet ftit tal-ħin wara fl-isptar Mater Dei, wara li xi ħadd mhux magħruf sparalu f’dahru.
Jirriżulta li t-tiri ġew sparati mit-triq, meta Pace kien jinsab fil-gallarija ta’ appartament fi blokka li tinsab f’din it-triq.
Fuq il-post waslu l-Pulizija kif ukoll tim mediku mill-isptar Mater Dei b’ambulanza li ħadu lil Pace l-isptar fejn miet iktar tard.
Ingħatat ukoll l-għajnuna medika lil żewġ nisa u raġel ieħor li kellhom xokk kbir.
Jonathan Pace, kien sid ta’ ħanut tal-laħam magħruf u dan l-aħħar kien qed jiġi investigat dwar il-każ tal-attentat ta’ qtil Vince Muscat, li għandu 52 sena u magħruf bħala l-Koħħu.
Ftit inqas minn ġimgħatejn ilu, fit-8 ta’ Awwissu li għadda, Pace kien ingħata l-liberta proviżorja.
Aktar tard il-Pulizija sabu karozza maħruqa fil-Fgura iżda mhux magħruf jekk kinitx il-vettura li ntużat f’dan il-każ ta’ qtil.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat li ħatar inkjesta filwaqt li l-Pulizija jinsabu għaddejjin bl-investigazzjonijiet.
Dan huwa r-raba' każ ta' qtil mill-bidu tas-sena. 

Ritratt: Media Police