Jinqatel Mexxej ta’ partit fl-Ukraina

Mexxej tal-partit tal-lemin Ukren inqatel fi sparaturi li fihom kienu involuti wkoll il-pulizija. Oleksandr Muzychko inqatel waqt li kien f’kafetterija f’Rivne fl-Ukraina.  Muzychko kien il-kap ta’ partit li kien prominenti fil-protesti kontra l-Gvern.
L-inċident seħħ ftit sigħat biss wara li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov kellu taħdidiet mal-Ministru Ukren Andriy Deshytsia, l-ewwel laqgħa tagħhom wara l-kriżi diplomatika li feġġet wara l-ħakma tal-Krimea mir-Russi. Sadanittant, il-Parlament fl-Ukraina vvota favur ir-riżenja tal-Ministru tad-Difiża Ihor Tenyukh. Tenyukh kien akkużat b’indeċiżjoni biex jaffaċċja l-ħakma tal-Krimea mill-armata Russa.