Jinqatel investigatur famuż tal-bejgħ illegali tal-avorju fil-Kenja

Wieħed mill-aktar investigaturi famużi tal-bejgħ illegali tal-avorju nqatel fil-Kenja.
Esmond Bradley Martin li kellhu 75 sena nstab mejjet fid-dar tiegħu f’Nairobi, kawża ta’ ferita f’għonqu minn arma li kienet taqta’ jew bil-ponta. Huwa kien magħruf għall-investigazzjonijiet tiegħu fil-kummerċ illegali tal-avorju u tal-qrun tar-rhino.
Bradley Martin, ċittadin tal-Istati Uniti, kien wasal lura lejn id-dar tiegħu wara żjara riċenti ta’ riċerka fil-Myanmar. Skont il-BBC, Bradley Martin kien fil-proċess tal-kitba tar-rapport meta miet.
Il-mara tiegħu kienet l-ewwel persuna li sabitu mejjet. Il-każ qed jiġi nvestigat mill-Pulizija, għalkemm huma jemmnu li l-qtil kien riżultat ta’ serqa li marret ħażin.
Skont il-BBC, Bradley Martin qatta’ għexieren ta’ snin jgħix ħajtu f’riskju peress li kien jiġbed numru ta’ ritratti b’rabta mal-kummerċ illegali tal-avorju b’mod sigriet. Huwa kien jippoża bħala xerrej ta’ dawn l-oġġetti biex ikun jista' jakkwista aktar dettalji.
L-ewwel darba li Bradley Martin mar lejn il-Kenja kien fl-1970, f’perjodu li fih kien hemm żieda fil-qtil tal-iljunfanti minħabba l-avorju tagħhom.