Jinqatel ġurnalist kritiku ta’ Vladimir Putin

Ġurnalist prominenti Russu u kritiku tal-President Vladimir Putin inqatel b’tir fl-Ukraina fejn hu kien qed jistaħba wara li rċieva numru kbir ta’ theddid fuq ħajtu.
Arkady Babchenko, li kellu 41 sena miet kawża tal-feriti li ġarrab mit-tir waqt li kien qed jittieħed l-isptar f’ambulanza.
Skont Reuters, il-ġurnalist instab minn martu, miksi bid-demm tiegħu stess fid-dar tagħhom.
Il-Pulizija qed jissuspettaw li Babchenko nqatel minħabba xogħlu bħala ġurnalist.
Babchenko serva bħala suldat fil-Gwerra ta’ Chechen u kien sar wieħed mill-aktar korrispondenti tal-gwerra famużi fir-Russja.
Hu kien ħarab mir-Russja għax beda jibża’ li se jitlef ħajtu wara li kien kritika l-policies Russi fl-Ukraina u fis-Sirja.
Hu kien ġie ddenunzjat mill-politikanti favur il-Gvern wara kummenti fuq il-midja soċjali dwar l-ibbumbardjar tar-Russja f’Aleppo fil-gwerra tas-Sirja u wara li kkaratterizza lir-Russja bħala aggressur tal-Ukraina.
Il-Pulizija għadha ma kelliex l-opportunità li tkellem lill-mara ta’ Babchenko hekk kif tinstab fi stat ta’ xokk.
Min-naħa l-oħra, il-Pulizija Ukraina diġa ħarġet tpinġija tar-raġel li qed jiġi suspettat li qatel lil Babchenko. L-assassin qed jingħad li għandu bejn l-40 u l-45 sena, għandu daqna griża u kien liebes beritta.
Ritratti: Reuters