Jinqatel ġurnalist fil-Messiku

Ġurnalist Messikan inqatel f’Chiapas fil-Messiku lbieraħ. Dan ġie kkonfermat mill-awtoritajiet u l-ġurnal fejn kien jaħdem. Il-qtil ta’ dan il-ġurnalist huwa wieħed fost id-disa’ li seħħew fil-pajjiż meqjus bħala l-aktar pajjiż perikoluż għal persuni li jaħdmu fil-midja.

Mario Gomez, kien ħiereġ mid-dar tiegħu fil-belt ta’ Yajalon il-Ġimgħa wara nofsinhar. Hu ġie kkonfrontat minn żewġ suspettati li sparawlu fl-addome. Dan intqal mill-gazzetta El Heraldo de Chiapas, li hu kien jaħdem għaliha. Gomez ittieħed l-isptar, fejn aktar tard miet kawża tal-ferita li ġarrab. Is-suspettati ħarbu minn fuq il-post.

F’nota editorjali, il-gazzetta sostniet li tikkundanna dan l-aġir aggressiv u talbet lill-awtoritajiet sabiex l-awtoritajiet ikkonċernati jagħmlu l-investigazzjonijiet f’dawn it-tip ta’ każijiet bir-reqqa.