Jinqatel għax splodielu sigarett elettroniku

It-tipjip tal-e-cigarettes jista' joqtol ukoll. Hekk ġara meta raġel spiċċa tilef ħajtu meta splodielu sigarett elettroniku jew l-e-cigarette. Din l-isplużjoni wasslet biex ħa n-nar xi apparat tal-ossiġnu li r-raġel kien qed jużaha dak il-ħin.
Il-vittma kellu 62 sena u nstab fil-living room tad-dar tiegħu f’Wallasey fl-Ingilterra. Malli waslu l-pumpiera fuq il-post, sabu nar żgħir li kien intefa’ ftit tal-ħin qabel ma waslu fir-residenza tiegħu.
L-inkjesta maġisterjali għandha twassal għar-raġuni eżatta li wasslet għall-mewt tiegħu.
Kelliem għall-ħaddiema tat-tifi tan-nar ikkonferma li kollox beda minn sigarett elettroniku li sploda waqt li kien qed jiċċarġja fil-kamra tas-sodda. Dan ħa n-nar u qabbad apparat tal-ossiġnu li kien qed jintuża mill-vittma.
Mhux eskluż li s-sigarett sploda għax ir-raġel ma kienx qed jintuża ċ-ċarġer oriġinali li ngħata miegħu. L-awtoritajiet appellaw biex dejjem isir użu mill-apparat elettroniku skont l-istruzzjonijiet li jiġu mal-prodotti elettroniċi.
Ftit inqas minn sentejn ilu f’Malta, tfajla kienet immultata €250 meta nqabdet tpejjep sigarett elettroniku fi stabiliment f’San Ġiljan.