Jinqata’ d-dawl waqt it-tieġ; koppja tingħata kumpens

Il-koppja sfortunata li nqatgħalha d-dawl waqt it-tieġ fl-2013 irnexxielha tirbaħ kumpens fil-Qorti, wara li s-sala tat-tieġ Castello Dei Baroni tal-Wardija ma ħadmilhiex il-generator tal-elettriku.

L-għarusa sostniet mal-Qorti li għandha tingħata l-flus lura talli meta nqata’ d-dawl waqt il-festin tat-tieġ tagħha fl-20 ta’ Settembru 2013, tas-sala pprovdew generator li ntefa u xegħel għal tal-anqas 6 darbiet, b’ħoss kbir kull darba.

Hi żiedet kemm kienet diżappuntata li l-jum li tant kienet ħerqana għalih intemm ħesrem.

Min-naħa l-oħra, Castello Dei Baroni Limited ilmentaw li t-tort ma kienx tagħhom, imma ta’ min jipprovdi l-elettriku, u rrifjutaw li jirritornaw it-€3,000 li l-koppja kienet ħallset għas-sala.

Il-grupp tal-mużika ma setax idoqq, u l-ikel dam biex wasal, għax l-impjegati kellhom jużaw il-mowbajls għad-dawl u kważi ma kellhom l-ebda apparat tal-kċina jaħdem.

L-għarajjes kellhom jaqsmu l-kejk fuq ġewwa, ’il bogħod mill-festin, ħdejn l-uniku dawl li kien fadal. Wieħed seta’ jasal għalih billi jdur mal-pixxina u jitla’ 6 sulari taraġ… passaġġ li mhux daqstant faċli tgħaddi minnu bl-ilbies tat-tieġ.

Il-Qorti tat raġun lill-għarajjes li tas-sala kellhom ikunu responsabbli biex jaċċertaw li l-generator se jaħdem sew.

Il-koppja Cutajar ngħatat €1,915.69, wara li l-Qorti kkunsidrat li l-koppja hi eleġibbli biex jingħatalha lura l-ħlas tal-VAT.