Aġġornata: Isofri minn ġrieħi gravi wara li nqaleb b’forklifter fit-tarzna

Raġel qiegħed isofri minn ġrieħi gravi wara li nqaleb b’forklifter fit-tarzna f’Raħal Ġdid.

L-inċident ġara fil-11.10pm ilbieraħ meta Rumen ta’ 30 sena kien qiegħed fuq xogħol fit-tarzna fi Triq Għajn Dwieli u nqaleb b’forklifter.

Ir-Rumen kien riekeb u l-forklifter kien misjuq minn Rumen ieħor ta’ 20 sena li ma weġġax.

Fuq il-post issejħet ambulanza kif ukoll uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu lill-vittma. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei b’emerġenza.

Kelliem għat-tarzna Palumbo qal li l-kumpanija għandha l-ogħla livelli ta’ sigurtà. Qal ukoll li l-kumpanija hi lesta tipprovdi lill-impjegat bl-appoġġ kollu li għandu bżonn, u qiegħda tinvestiga x’ikkawża l-forklifter biex jinqaleb.