Jinqabeż il-miljun ewro fil-Festa ta’ Ġenerożità 2016

Inqabżet is-somma ta’ miljun ewro hekk kif tard ilbieraħ filgħaxija ġiet fi tmiemha l-Festa ta’ Ġenerożità 2016 b’risq id-Dar tal-Providenza. Ftit wara nofsillejl, kienet inġabret is-somma ta’ €1,040,855.
Din kienet l-20 darba li qed tiġi organizzata din il-kampanja, li ssir nhar l-ewwel tas-sena.
Ilbieraħ fost l-oħrajn żaru d-Dar tal-Providenza il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro-Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kif ukoll l-Arċisqof Charles Scicluna.
F’messaġġ qasir, l-Arċisqof esprima x-xewqa tiegħu li l-persuni b’diżabilità jsibu l-post li jixirqilhom fis-soċjetà Maltija u qal li j’Alla jingħataw l-istess attenzjoni li toffri d-Dar tal-Providenza.
Din il-kampanja titmexxa minn RTK4Charity bis-sehem ta’ mijiet ta’ volontiera.
Minbarra d-donazzjonijiet tal-pubbliku bit-telefon jew bl-SMS, kienu bosta dawk li ħadu l-okkażjoni biex iżuru u jsegwu l-ispettaklu mid-Dar tal-Providenza jew l-istudjows ta’ RTK fi Blata l-Bajda.
Kien hemm ukoll irkant li d-dħul minnu wkoll imur għad-Dar tal-Providenza.
Din il-kampanja ixxandret fuq l-istazzjonijiet televiżivi ewlenin, kif ukoll fuq RTK.
Biex titmexxa, id-Dar tal-Providenza għandha medja ta’ spejjeż li jlaħħqu l-€10,000 kuljum.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità bħal dejjem uriet il-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera solidarjetà u ġenerożità mad-Dar. Huwa qal li dawn il-fondi se jgħinu biex id-Dar tkompli tagħti ħajja xierqa u dejjem aħjar lir-residenti tagħha.