Jinqabdu tliet kontejners bid-droga fil-Freeport

Customs

Id-Dipartiment tad-Dwana sab total ta’ 120 pakkett kokaina li jiżmu 144 kilo b’valur tat-triq ta’ madwar €15.7 miljun. Dawn instabu fi tliet kontrejners differenti.

Fi stqarrija, id-Dwana qalet li l-ħidma damet madwar 12-il siegħa u d-droga nstabet permezz tal-iscanners soffistikati li jinsabu fil-Freeport u nstabet propju fil-kompressur tal-arja kkundizzjonata tal-kontejners.

L-ewwel żewġ kontejners kienu qed jitrasportaw materjal mill-Amerika ta’ Isfel lejn il-Port ta’ Durres fl-Albanija. Fihom instabu 20 pakkett ta’ kokaina kull wieħed, li jiżnu 48 kilo, b’valur tat-triq ta’ €5.4 miljun. Fit-tielet kontejner, l-Uffiċjali sabu 80 pakkett ta’ kokaina, li jiżnu 96 kilo b’valur tat-triq ta’ €10.8 miljun. Il-kontejner kien fi triqtu lejn il-Port ta’ Bar fil-Montenegro u wasal Malta mill-Amerika t’Isfel.

Il-każ għadda f’idejn il-Pulizija mill-iskwadra ta’ kontra d-droga  u nfetħet Inkjesta Maġisterjali assistita minn tim ta’ esperti.

Din is-sejba tal-lum issegwi t-tliet sejbiet ta’ droga kokaina li d-Dwana diġà għamlet matul dan ix-xahar. Il-Ħadd 7 ta’ April inqabdu 91.2 kilo, it-Tlieta 9 ta’ April inqabdu 24 kilo filwaqt li l-Ħadd li għadda 14 ta’ April inqabdu 91.25 kilo.

B’hekk mill-bidu tas-sena sa issa nstabu mal-€83.9 miljun fi droga kokaina. Newsbook.com.mt staqsa lid-Dipartiment tad-Dwana dwar x’inhi s-sitwazzjoni b’rabta ma’ dawn is-sejbiet kollha. Kelliem għad-Dipartiment spjega li ċ-ċrieki kriminali internazzjonali wara din l-attività huma b’saħħithom ħafna.

Id-droga fil-Port Ħieles dieħla minn “ċrieki b’saħħithom”