Jinqabdu jisirqu fil-fatt; 3 arrestati

Tliet persuni ġew arrestati mill-Pulizija hekk kif ippruvaw iwettqu serqa minn residenza fis-Swieqi.

Kien għall-ħabta tat-3.15am, li l-Pulizija fl-Għassa ta’ San Ġiljan irċeviet telefonata mingħand persuna, li waqt li kienet fid-dar tagħha fi Triq Żejni, semgħet xi ħsejjes suspettużi minn barra. Hija rrappurtat ukoll li quddiem id-dar kien hemm vettura suspettuża, startjata b’xi persuni fiha.

Mal-wasla tagħhom fuq il-post, erba’ pulizija tad-Distrett sabu l-karozza b’żewġ persuni fiha, u ordnawlhom jitfuha u joħorġu minn ġo fiha. Madanakollu, ix-xufier saq b’lura biex jaħarbu bil-konsegwenza li ħabat f’vettura li kienet ipparkjata.

Skont stqarrija tal-Pulizija, l-uffiċjali bdew jippruvaw iwaqqfu l-karozza u jiftħu l-bieba tal-vettura, bil-konsegwenza li Surġent weġġa’ ħafif.

Iż-żewġ persuni fil-karozza ġew arrestati, fl-istess ħin li ġiet arrestata t-tielet persuna hekk kif ħarġet mir-residenza.