Jinqabdu b’dokumenti foloz; 6 xhur ħabs

Żewġt irġiel, wieħed b’passaport Albaniż, u ieħor imwieled l-Albanija, wieġbu ħatja li kellhom karti tal-identità foloz Griegi, u ġew ikkundannati 6 xhur ħabs ‘il wieħed. Apparti dan, kif tispiċċa s-sentenza tagħhom, se jintbagħtu lura pajjiżhom.

Huma kienu qed jiġu akkużati li ffalsifikaw, biddlu jew kellhom fil-pussess tagħhom xi dokumenti li huma kienu jafu li ġew iffalsifikati, u li użawhom.

Huma wieġbu li huma ħatja, u għalkemm il-Qorti wissiethom bil-konsegwenzi legali ta’ dik it-tweġiba, wara li tkellmu mal-avukat tagħhom u baqgħu bl-istess risposta, il-Qorti tat każ l-ammissjoni tagħhom.

Il-Qorti saħqet li mhux aċċettabbli li persuni jkomplu jidħlu jew joħorġu minn pajjiżi b’dokumenti foloz fejn jippruvaw iqarqu bl-Awtoritajiet tal-Immigrazzjoni. Għalkemm il-Qorti sostniet li mhux neċessarjament ifisser li dan il-każ huwa hekk, fil-prinċipju, dawn it-tip ta’ reati joħolqu problema fis-sigurtà tal-pajjiż. Hi saħqet li l-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra għandha tikxef ir-riskji serji li l-fenomenu t’immigrazzjoni illegali b’dokumenti foloz jista’ jġib miegħu għan-nies innoċenti.

Il-Qorti kkundannathom sitt xhur priġunerija kull wiehed, u li kif jiskontaw is-sentenza, jintbagħtu lura pajjiżhom. Il-Maġistrat kien Dr Joseph Mifsud.