Jinqabad wara li staqsa lill-Iphone fejn jista’ jaħbi katavru

Raġel akkużat bi qtil ta’persuna oħra f’Settembru tal-2012, allegatament kien staqsa lill-Iphone tiegħu fejn jista’ jaħbi l-katavru. Huwa uża “Siri” li hija app li tintuża fuq l-Iphone u sservi ta’ ‘assistent personali’ li jwieġeb għall-mistoqsijiet li jista’ jkollu persuna anka permezz ta’ kmand bil-vuċi.
Ir-raġel huwa Pedro Bravo minn Florida u bħalissa għaddej ġuri akkużat li qatel lil Christian Aguilar wara li kellhom argument dwar eks-tfajla.
Stħarriġ dwar l-użu tal-ismartphone tal-akkużat fil-lejl tad-delitt, juri li Bravo uża l-app ta’ Siri sabiex tgħinu jsib post fejn jista’ jixħet il-katavru. Jidher ukoll li fl-istess lejl, huwa uża t-torċ tal-Iphone disa’ darbiet.
Għall-mistoqsija fejn jista’ jaħbi katavru, l-app tal-Iphone kienet tat erba’ risposti – ġibjun, għadira bit-tajn, funderija tal-metall, jew miżbla.
Intant illum jekk wieħed jistaqsi l-istess mistoqsija lill-Iphone tiegħu, jieħu risposta “Trid tiċċajta!”.