Jinqabad wara li ħabat f’karozza u baqa’ sejjer

Nisimgħu diversi kummenti negattivi fuq il-Pulizija għax fi kliem in-nies l-investigazzjonijiet idumu għaddejjin.
Madankollu raġel li persuna laqtitlu l-karozza u baqgħet sejra, kellu biss kliem ta’ tifħir għall-Pulizija li ħadmu qatigħ sakemm sabu lil min laqatlu l-karozza.
Fuq Facebook sid il-karozza qal li l-Pulizija ma waqfux ifittxu lil min laqtu u daru d-djar kollha fiż-żona ta’ fejn kienet ipparkkjata l-karozza, sabiex jaraw il-filmati ta’ CCTV camera.
Minn dawn il-filmati dehru ftit żewġ numri min-numru ta’ reġistrazzjoni tal-karozza. Għaldaqstant il-Pulizija fittxew għal karozza tal-għamla li dehret fil-filmat b’dawk in-numri.
Ir-raġel spjega li kien hemm min lemaħ il-karozza involuta pparkkjata u għamel rapport. Minn hemm il-pulizija kkuntattjaw lis-sid ta’ din il-karozza u min hu ammetta l-ħtija.
Huwa rringrazzja lill-Pulizija tal-ħidma tagħhom.