Żagħżugħ li kellu jtemm is-sentenza tiegħu l-ħabs ftit jiem oħra ammetta li wettaq għadd ta’ serqiet fl-2015.
Iż-żagħżugħ ta’ 24 sena minn Mali kien weħel sitt snin ħabs meta nstab ħati li seraq numru ta’ drabi ħames snin ilu. Kellu joħroġ mill-ħabs fid-9 ta’ Mejju.
Madankollu, huwa tressaq il-qorti llum wara li l-investigaturi semmewh bħala wieħed mill-persuni suspettati għal għadd ta’ serqiet li saru ħames snin ilu. Huwa ġie akkużat b’ħames serqiet li ġraw bejn il-5 u l-20 ta’ Diċembru. Wieġeb ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.
Is-serqiet seħħew:
- Matul il-lejl ta’ bejn il-5 u s-6 ta’ Dicembru tal-2015, fis-Swieqi;
- fit-8 ta’ Dicembru tal-2015, fl-Imsida;
- fit-13 ta’ Dicembru tal-2015, fil-Gżira;
- fil-lejl ta’ bejn is-16 u s-17 ta’ Dicembru tal-2015, f’Birkirkara;
- u serqa oħra matul il-lejl ta’ bejn l-20 u l-21 ta’ Dicembru tal-2015, f’Santa Venera.
Il-Qorti semgħet li ż-żagħżugħ kien jisraq biex jiekol u biex ikollu biex iħallas il-kera.
L-akkużat qal li ż-żmien li ilu l-ħabs ra kif juża ħinu b’mod produttiv, billi pereżempju beda jgħaqqad il-pupi.
Meta rat li huwa ammetta għall-akkużi, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, żammet lill-akkużat arrestat, sakemm jitlesta rapport ta’ qabel tinqata’ s-sentenza.
Rappurtaġġ addizzjonali: Sephora Francalanza