​Jinqabad mill-Pulizija ftit wara li “stupra” tfajla f’Paceville

mara

Raġel li allegatament stupra mara f’Paceville, inqabad ftit tal-ħin wara mill-Pulizija waqt li pprova jaħrab minn fuq il-post.
Il-Qorti semgħet dan f’każ fil-konfront ta’ Eritrejan li m’għandux indirizz permanenti f’Malta, u li qed jiġi akkużat li stupra Franċiża nhar l-Erbgħa li għadda.
Ir-raġel li għandu 27 sena, inqabad mill-Pulizija wara li xi ħadd fil-qrib ra dan l-inċident u ċempel lill-Pulizija.
Il-Qorti semgħet kif malli waslu fuq il-post, l-uffiċjali tal-Pulizija sabu lil mara tibki. Hija qalet li ndarbet f’dan l-attakk u kellha tittieħed l-isptar. Spjegat li gidmet lill-aggressur tagħha u girfitu waqt li pprovat tiddefendi lilha nnifisha.
Għalkemm ir-raġel ma ammettiex l-akkużi miġjuba kontrih, il-Qorti żammitu taħt arrest.