Jinqabad jisraq minn pompi tal-petrol fuq filmati tas-CCTV

Read in English.

Filmati tas-CCTV wasslu sabiex il-Pulizija tidentifika raġel li seraq minn numru ta’ pompi tal-petrol f’Malta. Ir-raġel li għandu 26 sena tressaq il-Qorti llum akkużat b’erba’ każi ta’ serq aggravat u li wettaq ħsarat fl-istess pompi.

Hu wieġeb ħati tal-akkużi quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.

L-investigazzjoni bdiet wara numru ta’ rapporti minn pompi tal-petrol f’Raħal Ġdid, Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun u Ħal Għaxaq bejn Settembru u Ottubru. L-avukati tad-difiża sostnew li ż-żagħżugħ ġej minn familja tajba iżda waqa’ f’vizzji ħżiena. Jidher li hu kien qed jisraq biex ikun jista’ jixtri d-droga. Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat kien se jibda programm sabiex jaqta’ l-vizzju tad-droga minn għada.

Il-Qorti talbet sabiex jinħareġ rapport qabel ma jingħata d-digriet. Ir-rapport irid jiddetermina li ż-żagħżugħ verament jixtieq jgħeleb il-vizzju tad-droga. Intant hu ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,000.