Jinqabad jisraq minn karozza; jinżamm arrestat

Raġel ta’ 38 sena minn Bormla nżamm arrestat u mmultat €200 f’disprezz lejn il-Qorti.

Ir-raġel li għandu problema tad-droga nqabad jisraq minn karozza minn żewġ pulizija pajżana. Fil-Qorti l-pulizija qalet li rat raġel baxx ma’ karozza li kellha t-tieqa mkissra.

Ir-raġel ġie mfittex mill-pulizija u wara tfittxija li saret fuqu rriżulta li kellu fil-pussess nuċċali tax-xemx u ammont ta’ muniti li min-naħa tagħha l-allegat vittma identifikat li kienu tagħha.

Fil-Qorti r-raġel wieġeb mhux ħati ta’ serq u li għamel ħsara fuq propjetà ta’ ħaddieħor. Huwa kien akkużat ukoll li kien reċediv. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat fuq l-argument li l-persuna hija innoċenti sakemm tinsab ħatja. Min-naħa tal-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba li l-akkużat mhuwiex persuna affidabbli. Il-prosekuzzjoni żiedet l-akkużat għandu bżonn jindirizza l-problema tad-droga.

Min-naħa tiegħu l-Maġistrat Joseph Mifsud qal li l-Qorti għandha ssib bilanċ bejn id-drittijiet tal-akkużat u dawk tas-soċjetà. Huwa ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Huwa u ħiereġ mill-awla l-akkużat beda jgħaddi kummenti u minkejja li kien imwissi biex ma jgħaddix kummenti huwa baqa’ għaddej. Kien għalhekk li l-Maġistrat ordna biex l-akkużat jerġa jiddaħħal fl-awla. Il-Maġistrat Mifsud qal lill-akkużat li ma kienx se jittollera din l-imġiba u mmultah €200 f’disprezz lejn il-Qorti.