Jinqabad jisraq mill-karozzi f’Tas-Sliema

Matul il-lejl li għadda, l-Pulizija arrestat raġel li kien qed jisraq minn karozzi f’Tas-Sliema.
Ir-raġel kellu arma li taqta’ u bil-ponta.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li ġiet infurmata bil-każ għall-ħabta tal-4.20am  b’serqa li kienet qed issir fi Triq Dun Mikiel Rua kantuniera ma’ Triq Ġużè Howard f’Tas-Sliema.
Ir-raġel ġie arrestat mill-Pulizija tad-Distrett flimkien ma’ dawk tal-RIU ftit ‘il bogħod fi Triq Sir Adrian Dingli wara li pprova jaħrab.
Il-Pulizija qalu li minn stħarriġ preliminari jidher li kien hemm vettura bil-ħġieġ imkisser u wara tfittxija li saret fuq ir-raġel instabu xi oġġetti li aktarx kienu misruqa mill-istess vettura.
Għadd ta’ vetturi oħra sfaw fil-mira tas-susspettat.
Ir-raġel għadu qiegħed jinżamm mill-Pulizija bl-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.