Jinqabad jikser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest waqt ronda tal-Pulizija

Żagħżugħ ta’ 26 sena li jaħdem f’car wash ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li nqabad waqt ronda tal-Pulizija barra mill-ħin li suppost kien qiegħed id-dar kif ukoll bid-droga kannabis.

Ir-raġel li huwa mil-Libja u residenti f’San Ġwann ġie akkużat b’pussess ta’ kannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kienux għall-użu personali tiegħu kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.

L-Ispettur Matthew Spagnol spjega lill-Qorti li fin-00.30 ta’ dalgħodu l-Pulizija kienu għaddejjin bir-ronda f’San Ġwann meta nnuttaw karozza suspettuża. Huma waqfu u għarfu li l-persuna fil-karozza huwa raġel li jiffirma fl-għassa ta’ San Ġiljan.

Fit-tfittxija li saret fil-karozza nstabu 43g kannabis, miżien żgħir kif ukoll pakketti li jintużaw għat-traffikar tad-droga.

L-avukat Rene Camilleri li qed jidher għall-akkużat għamel talba għall-ħelsien mill-arrest. Huwa sostna li wieħed huwa innoċenti sakemm jinstab ħati. Żied jgħid li l-akkużat ilu josserva l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħata qabel għal kważi sentejn u nofs. Camilleri qal lill-Qorti li l-akkużat dejjem mar jiffirma u għandu residenza fissa. Huwa nnotta wkoll kif m’hemmx xhieda pajżana f’dan il-każ iżda l-Pulizija li kienu qed jagħmlu r-ronda dak il-ħin.

Il-Prosekuzzjoni mmexxiha mill-Ispettur Spagnol sostniet li filwaqt li vera dejjem irrispetta l-kundizzjonjiet li ngħata għall-ħelsien mill-arrest, żiedet tgħid li ż-żagħżugħ instab f’sitwazzjoni li kien qed jikkometti reat u għaldaqstant ma jistax jitqies li jista’ jobdi l-Qorti.

F’Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia t-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda, bil-maġistrat jgħid li ż-żagħżugħ mhux persuna affidabbli.

L-Ispettur Matthew Spagnol mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li l-avukat Rene Camilleri deher għall-akkużat.