Jinqabad jaħbi d-droga fil-qalziet ta’ taħt

Żagħżugħ ta’ 26 sena minn Ħal Qormi ntbagħat 27 xahar ħabs wara li ammetta li ttraffika l-ecstasy, il-kokaina u l-eroina waqt li kien fuq probation.
Huwa kien inqabad mill-Pulizija f’Awwissu 2016, wara li l-Pulizija ratu jirċievi flus u jagħti xi ħaġa lura lil diversi nies li waqaf ħdejhom bil-karozza.
F’rejd li kienu għamlu sabulu qratas ta’ droga fil-but tal-qalziet ta’ taħt, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti f’pakketti tas-sigaretti fil-karozza.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras innotat li l-akkużat dam biex jitlob ammissjoni iżda stqarret li kien ikkopera mal-Pulizija fl-investigazzjonijiet.
Flimkien mas-sentenza tal-ħabs huwa weħel multa ta’ €2,700 fuq traffikar u pussess ta’ droga, u 7 xhur ħabs talli wettaq ir-reat waqt iż-żmien ta’ probation. Huwa kien ordnat iħallas €5,200 fi spejjeż tal-esperti.