Jinżamm arrestat ir-raġel li seraq il-barbaġanni

Aġġornat 04:33 PM

Read in English.

Raġel ta’ 32 sena minn Ħaż-Żabbar inżamm arrestat wara li kien akkużat li t-Tnejn 7 ta’ Settembru seraq żewġ barbaġanni minn guva tal-Federazzjoni Kaċċatrui Nassaba Konservazzjonijisti. 

Fil-Qorti r-raġel kien akkużat li seraq żewġ barbaġanni bil-valur tagħhom jaqbeż il-€500-il wieħed, li għamel intervjenti kirurġiċi biex jibdel id-dehra tal-annimali, u li daħal u għamel ħsara fil-propjetà ta’ ħaddieħor.

Ir-raġel permezz tal-Avukat tad-Difiża wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. L-Avukat talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-klijent tagħha. Min-naħa tagħhom il-prosekuzzjoni oġġezzjonaw din it-talba bl-argument li għad hemm xhieda pajżana li għadhom iridu jixhdu.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo laqgħet it-talba tal-presekuzzjoni u għalhekk ċaħdet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Pulizija rnexxielha taqbad lir-raġel li seraq żewġ barbaġanni mill-Buskett nhar il-Tlieta li għadda.

Is-suspettat inqabad jumejn biss wara li l-barbaġanni nsterqu minn guva tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, fejn hija żżomm ħamsa minn dawn l-għasafar. L-FKNK għandha kameras tas-sigurtà installati ġol-guva u fil-madwar, u għaddiet il-filmati li juru lir-raġel jisraq il-barbaġanni lill-Pulizija għall-istħarriġ tagħha.