Jinqabad fil-Fgura bil-kokaina u l-kannabis

Raġel ġie arrestat mill-Pulizija fil-Fgura wara li nqabad iġorr droga allegatament kokaina u aktar tard instabet ukoll il-kannabis.

Fi stqarrija ġie spjegat li wara ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga, ilbieraħ wara nofsinhar twaqqaf raġel ta’ 33 sena residenti l-Ħamrun. Fil-karozza li kien qed isuq instagħbu madwar kilo u nofs kapsoli mimlijin droga allegatament kokaina li kienet lesta biex tiġi mqassma.

Tfittxija li saret wara fil-garaxx tar-raġel arrestat, li jinsab f’kumpless ta’ garaxxijiet fil-Ħamrun, instagħbu diversi pakketti bil-pjanti tal-kannabis, li jammontaw għal madwar 11.5 kilogrammi.

Il-Maġistrat Aaron Buġeja ġie infurmat bil-każ u ħatar diversi esperti biex jassistuh.

Wara dan, ġie arrestat ukoll taġel ta’ 27 sena residenti l-Mosta biex jgħin lill-Pulizija fl-investihazzjonijiet. Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu taħt arrest tard illum quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli.