Jinqabad fil-fatt hu u jisraq minn dar fil-Mosta

Matul dan il-lejl, il-Pulizija qabdet persuna tisraq minn residenza fi Triq Sant’ Anton Abbati fil-Mosta.
Il-Pulizija rċeviet informazzjoni dwar il-każ fit-3.15am ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa li persuna x’aktarx kienet qed tisgassa residenza.
Il-Pulizija mill-Għassa tal-Mosta, flimkien ma’ dawk tar-Rapid Intervention Unit, marru mill-ewwel fil-post indikat, fejn sabu bieb ta’ residenza miftuħ u lemħu raġel fuq il-bejt tal-istess post.
Ir-raġel li ntlemaħ fuq il-bejt ġie arrestat fuq il-post mill-Pulizija u fuqu nstabu diversi oġġetti relatati mas-serq, bħal turnaviti u ingwanti fost l-oħrajn.
Jidher li fir-residenza dak il-ħin ma kien hemm ħadd, iżda ġie nnutat taqlib, kif ukoll bieb ta’ gallarija sgassat.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Huwa mistenni li jitressaq il-Qorti għada.