Jinqabad bi flus mhux iddikjarati fi triqtu lejn l-Albanija

MIA

Raġel li kien fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta nqabad bi flus mhux iddikjarati mill-uffiċjali tad-Dwana hekk kif kien se jirkeb fuq titjira ta’ ripatrijazzjoni lejn l-Albanija. Huwa nqabad permezz ta’ ħidma mit-tim ta’ kontra l-ħasil tal-flus u s-sezzjoni tal-klieb (K9) u fuqu nstab li kellu €13,690.

Għalkemm id-Dwana rrilaxxat għadd ta’ miżuri biex tassisti s-suq fi żmien tal-pandemija tal-Covid-19, il-miżura ta’ flus mhux iddikjarati baqgħet fis-seħħ. Skont il-liġi Ewropea u dik Maltija, l-passiġġieri huma obligati li jiddikjaraw l-ammont ta’ flus li qed iġorru jekk dan jaqbeż l-€10,000.

Fi stqarrija, id-Dwana qalet matul l-aħħar 3 xhur, uffiċjali tad-Dwana kienu għadhom qed iwettqu d-dmirijiet normali ta’ kuljum.