Jinqabad bi €17,000 mhux iddikjarati fl-ajruport

Customs

Raġel li kien fi triqtu lejn Tuneż inqabad kmieni dalgħodu fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta b’iktar minn €17,000 fi flus kontanti fuqu.

Fi stqarrija d-Dwana spjegat li l-uffiċjali tad-Dwana mit-taqsima ta’ kontra l-ħasil ta’ flus u l-infurzar kienu qed jagħmlu tfittxija fuq il-passiġġieri għal flus mhux iddikjarati.

Id-Dwana qalet li waqt għaddejja bit-tfittxijiet tagħha qabdet raġel ta’ nazzjonalità Libjana fi triqtu lejn Tuneż b’madwar $20,000 jew €17,806.

Il-massimu li wieħed jista’ ma jiddikjarax taħt il-liġi l-ġdida huwa ta’ €10,000. Il-liġi tgħid ukoll li jekk persuna tinqabad b’inqas minn €20,000 jista’ jilħaq ftehim mingħajr ma tmur il-Qorti.