Jinqabad b’taħlita ta’ drogi, ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest

Raġel ta’ 28 sena ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest mill-Qorti minħabba l-biża’ li jaħrab mill-pajjiż.
Is-Serb, Vladimir Stankovic, qed jiġi akkużat li kellu fil-pussess tiegħu taħlita ta’ drogi, li aktarx ma kinux għall-użu esklussiv tiegħu. Instabulu d-droga kokaina, ir-reżina tal-kannabis kif ukoll il-ketamina fost drogi oħra.
Minbarra lista ta’ akkużi minħabba dawn il-possessjonijiet differenti, Stankovic huwa akkużat ukoll li lagħab mal-passaport tiegħu u ffalsifika dokumenti oħra biex ikun jista’ jibqa’ Malta.
Id-difiża li dehret għaż-żagħżugħ qalet li minkejja li l-Pulizija qed tissuspetta li d-droga kienet se tinbiegħ, l-ammont li nstab ma kienx wieħed daqstant kbir. Argumentat ukoll li meta Stankovic inqabad mill-Pulizija nhar is-Sibt li għadda, huwa kien Malta legalment. L-akkużat ilu Malta mill-2014, u kien qed jgħix ma' ommu Serba u raħel Malti li żżewġet.
Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat ma kkoperax għalkollox mal-Pulizija sabiex joħodhom fejn kien joqgħod.
Finalment, il-Maġistrat Grazio Mercieca qal li wara li sema’ ż-żewġ naħat, kien għadu kmieni wisq biex l-akkużat jinħeles mill-arrest.