Jinping isir ‘l-aqwa mexxej minn żmien Zedong’

Għadu kemm ġie vvutat fiċ-Ċina biex l-ideoloġija tal-President Xi Jinping titniżżel fil-Kostituzzjoni Ċiniża. Dan ifisser li Jinping jista’ jitqies bħala l-aqwa mexxej li qatt kellu l-pajjiż wara Mao Zedong, il-fundatur tar-Repubblika Ċiniża tal-Poplu.
Il-ġimgħa l-oħra, Jinping indirizza d-19-il Kungress Nazzjonali tal-Partit Komunista taċ-Ċina, fejn wiegħed li jibni pajjiż modern u soċjalist li jidħol f’era ġdida ta’ għana.
Fost l-oħrajn, Xinping wiegħed pajjiż soċjalist modern sal-2035, u qawwa moderna soċjalista li tinfluwenza lill-bqija tad-dinja sal-2050.
Uffiċjali għolja fil-Politburo, l-ogħla istituzzjoni politika fiċ-Ċina, immexxija minn Xinping stess, dakinhar kien għoġobhom id-diskors tal-president, li jgħaqqad flimkien il-karatteristiċi Ċiniżi ma’ politika soċjalista.
Fil-fatt il-kungress baqa’ jiltaqa’ minn dakinhar jiddiskuti l-filosofija politika ta’ Jinping għall-pajjiż, u finalment aktar minn 2,000 delegat iddeċieda li jiktbu dak li qed isejħulu Il-Ħsieb ta’ Jinping fil-kostituzzjoni tal-pajjiż.
Kien hemm mexxejja Ċiniżi oħra li l-ideoloġija tagħhom tant tqieset importanti li nkitbet fil-kostituzzjoni, iżda sal-lum Mao Zeding biss kellu l-filosofija tiegħu mniżżla bħala ħsieb, li huwa l-ogħla titlu li jista’ jingħata.
B’hekk miegħu issa jingħaqad Xi Jinping.