Jinnominaw lil Cassola bħala kandidat għall-PE

Il-kandidat independenti Arnold Cassola llum preżenta formalment in-nomina tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

L-eks chairman ta’ l-Alternattiva Demokratika kien innominat mill-Imħallef Emeritu tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Giovanni Bonello, il-kittieb Oliver Friggieri, il-psikologa Mary Anne Lauri u l-artista Debbie Caruana Dingli.

Fi stqarrija Cassola saħaq li jinsab onorat li kien innominat minn dawn l-erba’ personalitajiet Maltin li kollha kkontribew ħafna fis-settur li huma speċjalizzati fih.

Cassola kien irriżenja fi Frar mill-Alternattiva Demokratika wara nuqqas ta’ qbil mal-kandidat tal-AD Mina Tolu, wara li huma sejjħu għal diskussjoni dwar l-abbort. Huwa kien ħabbar li għaldaqstant se jkun qed jikkontesta għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew bħala kandidat indipendenti.