​“Jinkwetani ħafna n-nuqqas ta’ fiduċja fil-politiċi” – il-President

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca esprimiet it-tħassib tagħha dwar in-nuqqas ta’ fiduċja tal-poplu fil-politiċi.
Hija qalet dan fil-programm Newsbook fuq RTK fl-okkażjoni tat-tielet sena mill-ħatra tagħha bħala President.
Fl-intervent tagħha, il-President Coleiro Preca semmiet kif dawn it-tliet snin ta’ presidenza, tawha l-opportunità li tifhem u tagħraf aħjar il-bidliet li qed iseħħu fis-soċjetà.
Qalet li dan huwa proċess ħaj ta’ soċjetà li dejjem qed tevolvi.
Semmiet kif l-aktar li jinkwetawha huwa d-diżrispett li juru diversi Maltin u fil-mod ta’ kif l-adulti jitkellmu bejniethom.
Irreferiet għal diskussjoni li kellha ma’ studenti ta’ 15-il sena fi skola fir-Rabat, fejn ħafna minnhom aċċennaw għan-nuqqas ta fiduċja li għandhom fil-politiċi, l-iktar meta jaraw kif dawn iġibu ruħhom bejniethom.
Qalet li għaliha, huwa wkoll ta’ tħassib kbir il-mod ta’ kif ċerti persuni itellgħu xi ħaġa fuq Facebook biex jiżirgħu l-mibgħeda.
Il-President Coleiro Preca saħqet li dan l-istess poplu Malti imbagħad jissorprendiha b’mod pożittiv, meta f’mumenti oħra jingħaqad biex juri s-solidarjetà tiegħu mal-batut.
Staqsiet kif il-poplu Malti jgħin fil-ġbir ta’ fondi bi ħġaru, u mbagħad mhuwiex kapaċi jwettaq din l-istess solidarjetà fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum.
Ritratt: Arkivji – DOI