​Jinkixef għal ftit millimetri u jispiċċa arrestat

Raġel ġie arrestat wara sejba ta’ droga suspettata kokaina fil-kamra tal-lukanda tiegħu li kienet f’borża taħt waħda mill-pannelli tas-saqaf tal-kamra tal-banju.
Fil-Qorti nstema' kif ir-raġel, Franċiż, kien qiegħed Malta fuq btala ġewwa lukanda f’Tas-Sliema.
Il-Pulizija qalet li għall-ħabta tat-8:30pm fit-2 ta’ April waslu fil-lukanda u telgħu jfittxu l-kamra tal-Franċiż wara li waslitilhom xi informazzjoni.
Il-Pulizija qalet li meta daħlu fil-kamra tal-banju indunaw li waħda mill-pannelli li tagħmel parti mis-saqaf tal-kamra ma kinitx eżatt f’postha għal xi ftit millimetri.
Qalu li wara l-panella sabu borża sewda tal-plastik li fiha kien hemm kapsuli bid-droga suspettata kokaina.
B’kollox instabu madwar 90 kapsula u €125 fi flus kontanti.
Il-każ mistenni jkompli jinstema’ nhar it-Tlieta.