Jinkisru d-drittijiet tat-tfal jekk jiġu deportati – APF

Il-Forum Kontra l-Faqar (APF) saħaq li jekk l-40 tifel u tifla, u iktar, jiġu sseparati minn mal-familji tagħhom peress li l-ġenituri tagħhom ma jaqilgħux biżżejjed paga u jiġu deportati, dan isir bi ksur tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda fuq id-Drittijiet tat-Tfal.

It-tfal qed jaffaċċjaw deportazzjoni għaliex il-ġenituri tagħhom ma jissodisfawx il-kriterji ta’ policy li tgħid li għandhom jaqilgħu €19,000 fis-sena flimkien ma’ €3,800 għal kull wild.

Il-Forum qal illi deċiżjoni bħal din tmur kontra Artiklu 9 tal-Konvenzjoni, li tgħid li t-tfal m’għandhomx jiġu sseparati mill-ġenituri tagħhom sakemm ma jkunx hemm riskju jekk jibqgħu magħhom jew ikun impossibbli li jibqgħu magħhom. Jistgħu jiġu sseparati, skont il-Konvenzjoni, jekk il-ġenitur ma jistax jieħu ħsiebhom, il-ġenitur jaġixxi b’mod li mhux fl-aqwa interess tat-tifel jew tifla u l-ġenitur ma jirnexxilux iżomm lit-tifel jew tifla sigur jew kuntent.

Fi stqarrija, l-APF insista wkoll fuq it-trawma psikoloġika li jsofru t-tfal jekk jiġu deportati. Hija saħqet li t-tkabbir ekonomiku ma jistax jiġi b’sagrifiċċju tad-dinjità tal-ħaddiema. Qalet li tittama li t-trawma li jesperjenzaw dawn il-ġenituri u l-ulied jiftaħ għajnejn l-imgħallmin, ir-regolaturi u l-parlamentari.

Aktar kmieni dan ix-xahar, xi wħud mill-ġenituri kitbu fuq Facebook li rċivew ittra minn Identity Malta li ngħataw permess ta’ residenza għat-tfal. Madankollu, aktar tard kelliem għal Identity Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Aġenzija trid tiċċara li ma biddlet u lanqas irtirat xi deċiżjoni tagħha dwar applikazzjonijiet għall-permess ta’ residenza.

APF Malta hija pjattaforma magħmula minn 13-il organizzazzjoni lokali li qed jaħdmu biex jeradikaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali.