Filmat: Jinħelsu mill-ħabs bis-saħħa ta’ messaġġ fuq Facebook

Avukat li kien qed ifittex ħbieb antiki tiegħu fuq Facebook, kien strumentali biex żewġ aħwa nħelsu mill-ħabs fejn kienu qed jiskontaw sentenza b’rabta ma’ delitt.

Kollox beda fl-2009, meta l-avukat kien qed jiċċekkja x’messaġġi jtellgħu fuq Facebook, l-eks kollegi tiegħu.

Permezz ta’ wieħed mill-messaġġi sar jaf li fl-1988 l-aħwa Raymond u Thomas Highers,  ingħataw sentenza  ħabs b’rabta ma’ qtil ta’ traffikant ta’ droga.

Dak il-ħin ġih f’moħħu kif sitt snin wara li seħħ dan id-delitt, wieħed mill-istudenti sħabu kien irrakkonta li fil-lejl ta’ meta seħħ id-delitt kien fid-dar tat-traffikant flimkien ma’ erba’ ħbieb tiegħu. Kien qal li huma tkeċċew ‘il barra mid-dar minn grupp ta’ rġiel b’karnaġġjon skur, wara li ppuntaw l-armi fid-direzzjoni tagħhom.  Wara ftit semgħu sparatura.

X’ħin ftakar dan kollu, l-avukat ikkuntattja lil sieħbu biex jikkonferma li dak li jiftakar huwa minnu. Huma waslu għall-konklużjoni li żgur ma kinux l-aħwa Highers għax għandhom karnaġġjon ċar.

Eventwalment, l-avukat ikkonvinċa lil sieħbu biex iressaq ix-xhieda tiegħu.

Dan wassal biex nhar l-Erbgħa li għadda, l-akkużi kontra l-aħwa Highers waqgħu kollha wara li kienu diġà qattgħu 25 sena ħabs.