Jinħelsu mill-arrest wara li taw fastidju u heddew lil 3 persuni

Illum, il-Pulizija ressqet b’arrest fil-Qorti t’Għawdex żewġt irġiel, wieħed ta’ 50 sena residenti x-Xewkija u l-ieħor ta’ 18-il sena residenti x-Xagħra, Għawdex, akkużati li taw fastidju u ħolqu biża’ u heddew tliet persuni f’diversi postijiet f’Għawdex. Ir-reati saru nhar it-Tlieta għall-ħabta tal-11pm.

Il-Maġistrat Simone Grech semgħet kif ir-raġel ta’ 50 sena ġie akkużat ukoll li nhar it-Tlieta għall-ħabta tal-11pm waqt li kien qiegħed fi Triq l-Imġarr, ix-Xewkija u f’diversi toroq oħra fl-istess lokalità, saq vettura b’manjiera traskurata, bla kont u perikoluża. Huwa ġie akkużat ukoll talli fl-istess data u ħin, waqt li kien fi Triq ir-Repubblika r-Rabat, Għawdex, ikkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa lil persuna oħra.

L-imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom u ngħataw il-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.