Jinħelsu mill-arrest wara li heddew raġel f’Għawdex

Żewġt irġiel inħelsu mill-arrest wara li tressqu l-Qorti t’Għawdex akkużati li heddew raġel.

L-irġiel li huma Maltin ta’ 33 u 48 sena huma t-tnejn residenti x-Xagħra. Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda għall-ħabta tal-5pm. L-irġiel ġew akkużati li fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat, weġġgħu u heddew Libjan ta’ 33 sena. Huma għamlu dan permezz ta’ xi oġġetti iebsin.

Aqra: Ġlieda fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex

Huma kienu akkużati wkoll b’attentat vjolenti fuq l-istess raġel. Kif ukoll talli kienu xurbana u qalu fil-pubbliku xi kliem oxxen.

Il-Malti ta’ 33 sena ġie akkużat ukoll li kien fil-pussess ta’ arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr il-liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija. Hu kkommetta reat waqt li kien taħt ordni operattiv ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti. Kiser ukoll Ordni ta’ Trattament meta wettaq reat fi żmien il-perjodu operattiv ta’ sentenza ta’ Trattament mogħtija mill-Qorti.

L-imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom. Huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet tal-Qorti, filwaqt li nħarġet Ordni ta’ Protezzjoni temporanja fil-konfornt tar-raġel Libjan.