Jinħelsu mill-arrest l-aħwa Bormliżi li nqabdu bid-droga

Miguela Xuereb

Read in English.

Suspettat traffikant tad-droga u oħtu nħelsu mill-arrest wara li madwar erba’ xhur ilu, kienu nqabdu b’ammont sostanzjali ta’ droga.

L-aħwa, raġel u mara ta’ 31 u 34 sena rispettivament, ġew arrestati f’April wara li kienu ilhom jiġu sorveljati għal madwar xahrejn. Il-Pulizija kienet irċeviet informazzjoni dwar traffikar ta’ droga mir-raġel residenti Bormla. Il-ħidma tal-Pulizija kienet fuq skala kbira, imferrxa fuq tliet lokalitajiet, u wasslet għas-sejba ta’ aktar minn kilo ħaxixa tal-kannabis, maż-żewġ kilos droga sintetika u ammont ta’ droga kokaina. Eventwalment, is-suspettat inqabad f’Bormla wara li ħabat f’żewġ karozzi tal-Pulizija hu u jipprova jaħrab. Fuqu nstabet ukoll pistola.

F’dar oħtu nstabu diversi drogi, uħud minnhom moħbijin ġo trofew.

L-aħwa ġew akkużati, b’mod separat, bil-pussess aggravat tal-kokaina, kannabis u drogi psikotropiċi. Ir-raġel kien akkużat ukoll bit-traffikar tad-droga, bil-pussess tal-armi, li kellu propjetà misruqa u li kien riċediv. L-aħwa ġew akkużati t-tnejn bil-ħasil tal-flus.

Illum kompliet tinstema’ x-xhieda kontrihom, u l-Qorti semgħet kif l-investigaturi kienu ilhom xhur josservaw lir-raġel. Innutawh iżur garaxx il-Fgura, ieħor f’Marsaskala, u l-flett t’oħtu f’Bormla.

Il-Qorti llum laqgħet talba oħra għall-ħelsien mill-arrest għaż-żewġ akkużati. Il-Maġistrat Neville Camilleri ordnalhom iħallsu €30,000 kull wieħed, u jridu jiffirmaw l-għassa ta’ kuljum u jżommu mal-ħin mogħti lilhom xħin iridu jkunu d-dar.

Ir-raġel irid iħallas depożitu ta’ €7,000, filwaqt li oħtu trid tħallas €5,000.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u Eman Hayman. Id-Difiża tmexxiet mill-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.