Jinħelsu mill-akkuża li ħebbew għal xulxin

Marco Gaffarena tressaq il-Qorti akkużat li allegatament sawwat lil Younnes Berrad, li jsuq karozza tal-linja.
Fil-Qorti, ix-xufier qal li nqala’ argument bejnu u Gaffarena fil-Floriana u wara mar ifittxu fil-venda tal-Belt fejn allegatament sawtu.
Ix-xufier sostna li l-każ seħħ f’April li għadda iżda ma setgħax jiftakar eżattament il-ġurnata.
Qal li kellu jsejjaħ għall-għajnuna tal-Pulizija u tim mediku mill-isptar. Gaffarena qal li fil-Floriana, ix-xufier tal-karozza tal-linja beda jsuq warajh u joffendih.
Sostna li Berrad beda jistiednu biex ifittxu ħdejn il-funtana fil-venda.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li ma setgħetx tiġi stabbilita iż-żmien eżatt meta seħħ dan l-allegat każ u għalhekk ma sabx liż-żewġt irġiel ħatja li ħebbew għal xulxin u lliberahom mill-akkużi.