Jinħelsu mill-akkuża li ddistribwew fjuwil bil-kubrit

Is-sidien ta’ barriera f’Ħad-Dingli li kienu weħlu multa ta’ €10,000 talli ddistribwew il-fjuwil b’mod mhux konformi mal-liġi nħelsu minn kull akkuża meta appellaw il-każ. Il-Qorti tal-Appell iddikjarat l-evidenza kontrihom bħala “mhux ammissibbli.”

L-erba’ diretturi tal-barriera kienu ġew akkużati fl-2012 wara li saret spezzjoni fil-barriera stess mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA).

Waqt l-ispezzjoni, kienu ttieħdu kampjuni mit-tank tal-fjuwil ta’ trakk li jintuża fil-barriera. Il-kampjuni sarulhom testijiet kimiċi fil-laboratorju ta’ Kalafrana, u rriżulta li l-kubrit fid-diesel kien iżjed mil-limitu legali.

Is-sidien kienu qalu lill-awtoritajiet li dejjem xtraw il-fjuwil mingħand bejjiegħa liċenzjati u leġittimi, u kellhom anke rċevuti. Minkejja dan, id-diretturi nstabu ħatja mill-Qorti tal-Maġistrati fl-2015. Huma weħlu multa ta’ €10,000.

L-erba’ rġiel kienu appellaw din is-sentenza. L-avukati tagħhom argumentaw li l-klijenti tagħhom ma kellhomx l-għarfien tekniku u l-apparat meħtieġ biex janalizzaw il-kontenut tal-kubrit fil-fjuwil huma stess. L-avukati kienu xettiċi wkoll mill-metodi użati fl-ittestjar tal-kampjuni.

Il-kampjuni ntbagħtu Pozzallo, Sirakuża u Napli biex jerġgħu jiġu ttestjati. L-Imħallef Edwina Grima nnutat li l-kampjuni għaddew minn taħt idejn ħafna nies u b’hekk ikkonkludiet illi l-evidenza mhix ammissibbli u mhix biżżejjed.

Għaldaqstant, l-ewwel sentenza tal-Qorti waqgħet u waqgħu l-akkużi kollha fil-konfront tal-erba’ rġiel.