Jinħelsu 8 persuni wara nuqqas ta’ evidenza li ppruvaw idaħħlu d-droga

Tmien persuni li allegatament kienu qed jippjanaw biex idaħħlu kwantità ta’ droga f’Malta sbatax-il sena ilu, inħelsu mill-Maġistrat għax ma kienx hemm biżżejjed evidenza kontrihom.

Fiż-żmien tal-allegat traffikar, uħud mill-akkużati kienu arrestati u fost l-oħrajn, kienu qed jikkordinaw l-attivitajiet illeċiti mill-ħabs ta’ Kordin.

Il-persuni huma Yvette Muscat ta’ 53 sena mill-Iklin, Trudy Testa ta’ 43 mill-Imqabba, Pierre Camilleri ta’ 36 sena minn San Pawl il-Baħar, Carmen Armeni ta’ 57 sena mill-Imqabba, Silvana Bugeja ta’ 45 sena mill-Għargur, Juma Karfoosh ta’ 51 sena mill-Ħamrun, Suzanne Abela ta’ 51 sena minn Tas-Sliema, u Albert Bugeja li għandu 45 sena u huwa mill-Gżira.

Dawn kollha ttellgħu l-qorti fl-2002 wara ħidma bejn il-pulizija Maltija u dik Taljana. Bejniethom, kienu sabu żewġ kilogrammi kokaina, kilo eroina u mal-elfejn pillola tal-ecstacy li kienu qed jitmexxew mill-Olanda lejn Sqallija, biex fl-aħħar jitwasslu Malta.

Xi qraba tal-akkużati li kienu jinsabu l-ħabs, inaqbdu mill-Pulizija meta ippruvaw jagħmlu xi pagamenti b’rabta mat-traffikar tad-droga. Kien hemm xi qraba li kellhom imorru Sqallija biex jakkwistaw id-droga u jdaħħluha f’Malta wara li jaħbuha f’karozza.

Il-Maġistrat Franco Depasquale qal li wara li eżamina bir-reqqa l-provi kollha, wasal għall-konklużjoni li ma kienx hemm biżżejjed evidenza biex turbot l-aġir tal-akkużati ma’ xi traffikar tad-droga.