Jinħeles wara li sawwat lit-tfajla quddiem il-Pulizija

Read in English.

Raġel ta’ 36 sena nħeles mill-arrest wara li nhar il-Ħadd li għadda sawwat lit-tfajla tiegħu quddiem għajnejn il-Pulizija fl-għassa tan-Naxxar.

L-akkużat ta diversi daqqiet ta’ ponn lit-tfajla u kompla jsegwiha sal-għassa hekk kif din marret biex tagħmel rapport kontrih. Huwa kompla jkun vjolenti anki fl-għassa fejn kellhom iwaqqfuh il-Pulizija. Fl-għassa huwa ħalef ukoll li jpattiha lil min jieħu passi kontrih.

Il-Bormliż ġie akkużat ukoll quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli li ħebb għal spettur u żewġ uffiċjali tal-Korp li marru biex iferrquh minn mat-tfajla, li kiser il-paċi pubblika u li m’obdiex l-istruzzjonijiet tal-Pulizija.

L-avukati difensuri Franco Debono u Amadeus Cachia lmentaw li l-prosekuzzjoni injorat il-fatt li dakinhar il-klijent tagħhom kellu wkoll ferita f’idejh u li t-tfajla fixklitu waqt li kien qed isuq fi Triq il-Kosta billi qabditlu l-isteering bil-ħsieb li tikkawżalu incident. Il-prosekuzzjoni wieġbet li sakemm saq min-Naxxar sa Bormla, l-akkużat kellu ċans jaħseb fuq dak li kien qed jagħmel iżda minflok, kompla ggrava s-sitwazzjoni.

Il-Qorti ħelsitu mill-arrest filwaqt li ordnatlu jħallas €6,000 u €8,000 fuq garanzija personali. Huwa jrid jiffirma l-għassa kuljum u ma joħroġx mid-dar bejn l-10 pm u s-6 am.