Jinħeles mill-ħabs il-Mexxej tal-Oppożizzjoni fl-Etjopja

Wara sforzi li saru mill-Parlament Ewropew, Merera Gudina, il-Mexxej tal-Oppożizzjoni fl-Etjopja nħeles mill-ħabs.
Il-Mexxej tal-Kungress Federalista tal-Oromo nħeles l-Erbgħa filgħodu u tħalla jmur id-dar fejn kien hemm eluf ta’ nies jistennewh. 
Huwa kien ilu l-ħabs minn Diċembru 2016 u kien qed jaffaċċja akkużi li jinkludu fosthom assoċjazzjoni ma’ gruppi terroristi. 
It-Tnejn li għadda l-Gvern tal-Etijopja ħabbar li se jkun qed iwaqqa' l-akkużi kontra iktar minn 500 suspettat. 
Għaqdiet tad-drittijiet umani ilhom jakkużaw lill-Etjopja li mhux iħallu l-gruppi tal-oppożizzjoni jaħdmu b’mod liberu. L-Gvern tal-Etjopja kien ċaħad li għandu priġunieri politiċi iżda qal li dawn il-ħelsien mill-arrest se jkunu qed jidħlu fid-dibattitu nazzjonali u jwessgħu l-isfera politika tal-pajjiż. 
Gudina kien arrestat f’ Novembru 2016 fil-mitjar tal-Belt Kapitali Addis Ababa meta kien qed jirritorna lura minn Brussell. 
F’dak ix-xahar huwa kien ikkritika l-istat tal-emerġenza fl-Etjopja waqt li ndirizza l-Parlament Ewropew. 
Iċ-ċermen tas-Sottokumitat fuq id-Drittijiet Umani, Pier Antonio Panzieri qal li jinsab kuntent li Gudina nħeles wara li kien arrestat wara li fid-9 ta’ Novembru 2016 kien tkellem fuq is-sitwazzjoni fl-Etijopja. Skond Panzieri l-unika akkuża miġjuba kontrih kien li tkellem mal-politiku Etjopjan ieħor mill-Oppożizzjoni waqt iż-żjara tiegħu fi Brussell. 
Il-President tal-Parlament Ewropew, diversi membri tas-Sottokumitat u Panzieri ħadmu biex iħeġġu ħalli jinħeles mill-ħabs. 
Huwa faħħar id-deċiżjoni tal-Gvern li ddeċida li jeħles diversi priġunieri politiċi kif ukoll ħafer lill-Gvern fl-Etjopja.