Aġġornata: Arrestat l-agressur tal-attakk f’San Pawl il-Baħar

Ir-raġel li ta daqqa ta’ tazza lil raġel ieħor f’ħanut tax-xorb ġie arrestat mill-Pulizija.
L-inċident seħħ f’ħanut tax-xorb f’San Pawl il-Baħar is-Sibt li għadda meta ż-żagħżugħ ta’ 28 sena qala’ daqqa ta’ tazza f’wiċċu.
Raġel Serb ġie arrestat ilbieraħ ftit qabel is-6pm wara tfittxija mill-Pulizija imma kellu jingħata l-ħelsien għax ma kienx hemm ċertezza dwar l-identità tiegħu.
Allegatament iż-żagħżugħ kien qed ikellem lil raġel Serb minħabba li kien irċieva lment dwar l-imġieba tiegħu u ta’ sieħbu fil-ħanut tax-xorb.
Waqt li ż-żagħżugħ kien qed ikellem lir-raġel barra, is-Serb l-ieħor mar fuqu u minn wara tah daqqa ta’ tazza f’wiċċu.
Il-lejl li għadda l-Pulizija għamlet rejd f’appartament il-Qawra fejn allegatament joqogħodu s-Serbi li wettqu l-attakk ta’ nhar is-Sibt.
Il-Pulizija ġrew wara s-Serbi u qabduhom f’appartament jistaħbew f’appartament ieħor.
Mill-istħarriġ tal-Pulizija jirriżulta li s-suspettati biex ma jintgħarfux qaxxru xagħarhom u l-leħja.
Wieħed mis-Serbi kellu ferita f’idu u ammetta mal-Pulizija li din għamilha wara li ta daqqa ta’ tazza lill-vittma tal-inċident tas-Sibt.
Riżultat ta’ dan l-inċident iż-żagħżugħ, li hu mużiċist ma’ artisti rinomati lokali, jinsab fir-riskju li jitlef id-dawl t’għajnejh ix-xellugija.
Ritratt: Arkivji