2 irġiel imfittxija għal attakk b’sikkina

Raġel li allegatament ħebb għal żewġ irġiel b’sikkina f’San Ġwann inħeles mill-arrest b’xi kundizzjonijiet. Il-Pulizija qed tfittex liż-żewġ aggressuri l-oħra.

Il-Libjan ta’ 27 sena tressaq quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ilbieraħ, akkużat li weġġa’ lill-vittmi b’sikkina, mingħajr ma kellu l-intenzjoni li joqtolhom. Ġie akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika u li kiser il-kundizzjonijiet ta’ żewġ sentenzi preċedenti.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Kienu l-vittmi stess li identifikawh. Il-Pulizija temmen li kien hemm żewġ aggressuri oħra, aktarx ħut l-akkużat, iżda dawn għadhom ma nqabdux.

Il-każ ġara fi Triq Santa Margerita fil-11pm nhar it-Tnejn li għadda.

Il-Maġistrat laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, b’depożitu ta’ €500, garanzija personali ta’ €6,000, u bil-patt li l-akkużat jiffirma l-għassa ta’ kuljum, kif ukoll li ma joħroġx bejn it-8.30pm u s-7am, ħlief meta jkun xogħol ta’ billejl.