Jinħeles mill-arrest wara li darab anzjan b’arma tan-nar fix-Xewkija

Read in English.

Il-Qorti t’Għawdex ħelset mill-arrest raġel li darab anzjan b’mod gravi permezz ta’ arma tan-nar fix-Xewkija.

L-argument bejn iż-żewġt irġiel seħħ ilbieraħ fi Triq is-Salib. Raġel ta’ 35 sena u raġel ta’ 87 sena kellhom argument. B’kawża ta’ dan l-argument, ġie sparat tir minn arma tan-nar li ma laqtet lil ħadd. Però, ir-raġel anzjan laqat daqqa ta’ din l-arma, u kellu jittieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Aqra: Aġġornata (1): Sparatura f’Għawdex; anzjan gravi

Ir-raġel ta’ 35 sena, li huwa resident x-Xewkija tressaq il-Qorti t’Għawdex akkużat li fis-7 ta’ Ottubru, għall-ħabta tal-10.20am qiegħed il-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu ċar, iżda mingħajr il-ħsieb li joqtol. Hu ġie akkużat ukoll li ta daqqa jew daqqiet b’arma tan-nar u kkaġuna ġrieħi gravi lill-anzjan.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet tal-Qorti. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur ir-raġel ta’ 87 sena.