Jinħeles mill-arrest raġel li kien vjolenti ma’ pulizija r-Rabat

Read in English.

Raġel li aġixxa b’mod vjolenti ma’ uffiċjal tal-Pulizija ngħata l-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet.

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Simone Grech dalgħodu fil-Qorti t’Għawdex.

Ir-raġel ta’ 46 sena residenti r-Rabat, Għawdex, kien akkużat li fl-14 t’Awwissu fl-9.45am hedded u rreżista bi vjolenza lil membru tal-Korp. Dan ġara fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat stess. Ġie mixli wkoll li m’obdiex l-ordnijiet li ngħata mill-pulizija, li kiser il-paċi pubblika u li kien riċediv.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ngħata l-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.