Jinħeles mill-arrest raġel imfittex fl-Italja b’rabta mal-mafja

Il-Qorti tal-Appell Kriminali biddlet id-deċiżjoni li raġel li hu mfittex fl-Italja b’rabtiet mal-mafja jiġi estradit u ħelsitu mill-arrest.

Ir-raġel, li huwa mniżżel bħala segretarju għal kumpanija tal-gaming f’Malta, kien ġie arrestat f’April b’mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn qorti f’Kalabrija, b’suspett li kien involut fil-ħasil ta’ flus b’rabta mal-mafja ‘Ndrangheta.

AqraRaġel suspettat b’rabtiet mal-mafja se jiġi estradit lejn l-Italja

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech laqgħet it-talba għall-estradizzjoni tiegħu f’Mejju, iżda t-Taljan appella dan, u rebaħ l-appell fil-qorti ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. L-Imħallef qalet li hu m’għandux jintbagħat lura l-Italja għax l-investigazzjoni tal-awtoritajiet Taljani għadha ma ntemmitx, peress li hu mfittex biss biex jgħin fl-investigazzjoni u mhux bħala akkużat. Il-Qorti nnutat li l-proċedimenti kontra t-Taljan jaf ma jibdewx, u r-raġel jaf jinħeles qabel ma jiġi akkużat.

Aqra: Sid ta’ kumpanija tal-gaming akkużat b’ħasil tal-flus b’rabta mal-mafja

L-Imħallef żiedet tgħid li d-dokumentazzjoni provduta mill-awtoritajiet Taljani ma kinitx ċara, u f’xi waqtiet kienet kontradittorja. Għal din ir-raġuni, hija ordnat li l-ordni ta’ estradizzjoni tiġi rrevokata u li t-Taljan jinħeles.