Jinħeles mill-arrest iż-żagħżugħ li ħebb għal spettur

Luke Zerafa

Read in English.

Il-Qorti ħelset mill-arrest lil żagħżugħ li tul il-lejl li għadda, waqt road block f’Ħaż-Żabbar, ħebb għal spettur.

L-Ispettur tal-Prosekuzzjoni Eman Hayman spjega li l-każ ġara waqt eżerċizzju konġunt bejn il-Pulizija u l-Forzi Armati.

Bejn is-1am u s-1.45am fi Triq Wied il-Għajn, iż-żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Isla twaqqaf għax kellu riħa ta’ xorb u l-Pulizija riedu jiċċekkjawlu l-karozza. Huwa ħareġ mill-karozza b’ċerta rabja u ħebb għall-Ispettur Pier Guido Saliba.

Ġie akkużat li kkawżalu ġrieħi ħfief, u anke li offenda lil dan l-Ispettur u lis-Surġent Angelo Gatt mill-Forzi Armati waqt li dawn kienu qegħdin jagħmlu xogħolhom. Akkuża oħra hi li saq meta kien xurban u li rrifjuta jagħti kampjun tan-nifs meta ntalab jagħmel hekk mill-pulizija.

Iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal dan, ġaladarba jkun hemm ċerti kundizzjonijiet. Il-Qorti laqgħet it-talba, b’depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Huwa jrid jiffirma l-għassa ta’ Ħaż-Żabbar, u ma jistax joħroġ mid-dar bejn l-10pm u s-6.30am.

Waqt l-istess road block, inqabdu għadd ta’ persuni oħra jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol u bla liċenzja, u anke nstabet sustanza suspettata li hi kannabis u kokaina fi tliet vetturi minnhom.