Jinħeles mill-akkużi li kien vjolenti mal-pulizija waqt festin tal-Milied

Il-Qorti ma sabitx lil raġel ħati li kellu mġiba mhux xierqa lejn il-pulizija, anzi kkonkludiet li l-uffiċjali tal-pulizija misshom aġixxew aħjar fil-konfront tar-raġel.

F’Jannar tal-2019, raġel kien qed jiċċelebra l-Milied Ortodoss ma’ martu u żewġt iħbieb fil-flett tagħhom fil-Qawra meta marru jħabbtulu żewġ uffiċjali tal-pulizija wara li rċivew ilment li kellu l-mużika tgħajjat wisq.

Iż-żewġ kuntistabbli bdew idoqqu l-qanpiena, iżda kien kollu għalxejn għax il-mużika kienet għolja. Irnexxielhom jattiraw l-attenzjoni tan-nies ġol-flett billi bdew isabbtu fuq xi siġġijiet li kienu fil-gallarija li kellhom aċċess għaliha. L-akkużat ħareġ jara x’qed jiġri u qal li l-uffiċjali għamlulu “mandra” fil-gallarija. L-uffiċjali ppruvaw jimmanettjawh, u kellhom jużaw pepper spray meta beda jirreżisti b’mod vjolenti.

Ir-raġel tressaq il-qorti akkużat li rreżista l-arrest bi vjolenza, li rrifjuta li jagħti d-dettalji personali tiegħu lill-pulizija, u li kellu mużika għolja u għajat billejl.

Madankollu, meta tressqet l-evidenza fil-qorti, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea osservat li l-inċident eskala għax l-uffiċjali ma aġixxewx “bl-aħjar mod.” Il-Qorti ssoponiet li l-Prosekuzzjoni kienet selettiva meta kellha tagħżel x’evidenza turi. Sabet li l-evidenza provduta ma kinitx biżżejjed biex turi kemm kienet qed tgħajjat il-mużika, jew biex turi l-effettività tat-taħbit tal-pulizija fuq il-bieb tal-akkużat.

Apparti minn dan, ir-raġel kellu għadd ta’ ġrieħi minn xħin ippruvaw jimmanettjawh. Il-Qorti qalet li l-irġiel misshom talbu għall-għajnuna peress li r-raġel huwa ta’ statura kbira.

Għaldaqstant, il-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprovdi evidenza biżżejjed għall-akkużi msemmija u allura l-Qorti ma sabitx lill-akkużat ħati.